Statwi u Monumenti
Funtana tal-Iljun
Fiċ-ċentru ta' Pjazza Sant'Anna hemm funtana armata b'iljun. L-iljun qed iżomm l-arma tal-Gran Mastru Antonio Manoel de Vilhena. Għalkemm il-linji ta' fortifikazzjoni kif ippjanati minn Pietro Paolo Floriani kienu nbnew fl-1635, l-Ordni inizjalment ma ta l-ebda permess biex in-nies jgħixu f'dawn il-ħitan ta' fortifikazzjoni. Fl-1728 inbniet funtana, li tilqa' għaż-żieda fil-popolazzjoni taż-żona. Inħareġ ukoll regolament li jgħid li ħadd ma seta' jibqa' wieqaf ħdejn il-funtana, ħlief għal dawk li kienu qed jiġbdu l-ilma. Sa dan iż-żmien is-subborg ingħata l-isem ta' Borgo Vilhena.
It-Torri tal-Akwadott
Wara l-bini tal-Belt Valletta, il-Kavallieri rrealizzaw il-ħtieġa li jkun hemm biżżejjed ilma fornut lill-belt fortifikata. Kien biss lejn l-aħħar tas-seklu 16 li l-Gran Mastru Martino Garzes ipprova jimmaterjalizza din il-ħolma. Għalkemm il-proġett inbeda, minħabba problemi finanzjarji u tekniċi l-proġett qatt ma tlesta. Kien imbagħad waqt il-maġistratura tal-Gran Mastru Alof de Wignacourt li dawn il-pjanijiet tkomplew, hekk kif Wignacourt stieden lill-inġinier, Bontadino dei Botnadini, f'Malta. Dan l-inġinier kompla x-xogħol preċedenti li diġà sar, u finalment ġab il-proġett jitlesta sa April 1615. Is-sistema kollha kellha numru ta' torrijiet ta' spezzjoni tul it-triq, u din fil-Furjana kienet l-aħħar waħda qabel il-Belt Valletta. Fuq il-bieb hemm l-isem tal-inġinier li lesta l-proġett.